Il-qawmien mill-ġdid tal-Komunisti
minn Victor Degiovanni, Segretarju tal-Partit Komunista Malti
Fl-aħħar jiem il-Partit Komunista Malti ħareġ diversi stqarrijiet li ssorprendew lil bosta proprju għax ħafna ħasbu li dan il-partit ma kienx għadu jeżisti. GAETANO MICALLEF iltaqa’ ma’ VICTOR DEGIOVANNI, is-Segretarju tal-Partit, beix jara għaliex wara diversi snin reġgħu tfaċċaw fix-xena politika lokali.
Għaliex erġajtu waqqaftu l-Partit Komunista Malti?
Biex inkun preċiż mhux erġajna waqqafnih. Konna diġà neżistu imma konna daqxejn kwieti. Li ġara kien li wara l-avvenimenti tal-1989 u d-disfatta tal-elezzjoni ġenerali tal-1987, ħafna mill-membri telquna għalkemm irnexxielna nżommu l-kwartieri ġenerali u l-arkivji.
Issa ħassejna li rridu nagħmlu ħoss… li għadna neżistu u ma spiċċajniex. Meta riċentament ħriġna l-ewwel stqarrija fil-mezzi tax-xandir, speċjalment dawk tan-naħa tal-Lemin, ipprovaw jinterpretawha qisu li mietna u erġajna qomna. Fil-fatt bqajna attivi għax kellna r-rivista “Żminijietna” li konna noħorġuha u issa, permezz ta’ nies b’tendenzi xellugin, qegħdin nużawha biex nipprovaw nagħtu leħen lix-Xellug.
Fil-pajjiż it-tielet partit qatt ma qabad. Intom beħsiebkom tkunu partit li għada pitgħada taspiraw li tikkontestaw l-elezzjoni ġenerali jew grupp li jwassal l-ideat komunisti?
Is-sistema elettorali li titħaddem f’Malta mhix waħda demokratika għax ma tagħtix lok għat-tielet partit. Trid iġġib 17% tal-voti fuq livell nazzjonali biex iġġib 2% f’distrett wieħed.
Is-sistema elettorali tagħna hija tajba li kieku titħaddem kif suppost. Imma f’Malta ħafna jqisuh bħala sagrileġġ li tkompli tivvota fuq il-kandidati tan-naħa l-oħra. Biex titħaddem tajjeb is-sistema trid tkun tali li jekk għandek 30 isem fuq il-lista l-individwu jivvota mill-ewwel sat-30 fl-ordni tal-preferenza tiegħu. Mentri ħafna jivvotaw fuq il-kandidati tal-partit tagħhom u jieqfu hemm. B’eċċezzjoni meta jkun hemm xi ħadd li jagħmel ‘cross voting’ għax xi ħadd ikun għamillu pjaċir.
Fl-opinjoni personali tie għi l-votazzjoni għandha ssir fuq livell nazzjonali u mhux fuq distretti u l-persentaġġi jittieħdu fuq li vell nazzjonali. Biex tkun aktar ġusta. Mela jekk partit ħareġ 30 kandidat ikunu jistgħu jivvotawlhom minn Malta u Għawdex kollu. Qabel l-elezzjoni tal-1987 konna diġà pproponejna li l-pajjiż isir distrett wieħed u l-vot isir fuq il-partit. Fis-sens li partit jippreżenta l-kandidati tiegħu f’ordni ta’ preferenza kif jixtieqhom jitilgħu u jekk jirbaħ ħames siġġijiet jitilgħu l-ewwel ħamsa u jekk jirbaħ għaxra jitilgħu l-ewwel għaxra.
S’intendi l-partiti l-kbar ma qablux magħha kienu … kemm il-Partit Laburista u kemm il-Partit Nazzjonalista.
Imma f’dan ix-xenarju kemm taħseb li l-Partit Komunista jista’ jtella membru parlamentari?
Li naspiraw li nkunu parti minn blokk xellugi. Bħalissa m’aħniex f’pożizzjoni li ntellgħu siġġijiet fil-Parlament. Anke għax il-maġġoranza tal-poplu, billi huwa Kattoliku, jaħseb li jekk jivvota lilna jkun qiegħed jivvota kontra l-Knisja. Li mhux minnu. Għax persuni Kattoliċi naċċettawhom fil-partit. Bħalma naċċettaw min għandu twemmin reliġjuż ieħor għax nemmnu fil-libertà tat-twemmin.
Imma matul is-snin il-Komuniżmu ma kienx kontra l-Knisja?
Dak ġara bħalma ġara fil-kwistjoni politiko-reliġjuża f’Malta. Meta fir-Russja saret ir-rivoluzzjoni l-Knisja Ortodossa ħarġet favur l-‘establishment’ allura spiċċat l-għadu tal-gvern il-ġdid. Fit-Tieni Gwerra Dinjija ħarġet favur l-Istat u ħeġġet lin-nies biex jiddefendu lill-pajjiż mill-invażjoni tal-Ġermaniżi. Barra mill-fatt li ħafna Komunisti huma ateji. Għax il-mod kif il-Komunist iħares lejn il-ħajja huwa wieħed xjentifiku. U meta tħares lejha b’dan il-mod qiegħed taqta barra l-ispiritwalità.
Ħafna jemmnu li l-Komuniżmu miet snin ilu. Allura ma taħsibx li qegħdin tipprovaw tqajjmu xi ħaġa li d-dinja tal-lum ma tridx?
Il-kollass kien tal-Unjoni Sovjetika mhux tal-Komuniżmu. U ġabet bidla totali fid-dinja għax riżultat ta’ dan il-kollass l-klassi tal-ħaddiema fid-dinja llum hija ferm agħar minn meta kienet fi żmien l-Unjoni Sovjetika.
Għall-fatt li issa hemm superpotenza waħda, l-Istati Uniti, li tħaddan politika ta’ kapitaliżmu u tista’ tiddetta kif trid. Qabel kienu jgħidu li hemm it-theddida Sovjetika imma t-theddida ma kinitx dik ta’ gwerra imma li l-ħaddiema jagħmlu bħalma għamlu r-Russi fl-1917 meta waqqgħu s-sistema kapitalista.
Imma matul is-snin saru atroċitajiet mill-Unjoni Sovjetika fosthom fi żmien Stalin.
Saru żbalji imma ħafna minnhom huma miżin ter pretati. Mhux qiegħed nipprova niġġustifika dan im ma jkun hemm affarijiet li trid tħares lejhom miż-żewġ naħat u mhux min-naħa waħda. Meta ngħid miż interpretati jiġifieri bil-propoganda. Ngħidu aħna l-korruzzjoni fi stat Kom unista mhux aċċettata. Jekk tinqabad tisraq lill-Istat, li fl-aħħar mill-aħħar huwa n-nies, mal-ħajt ipoġġuk kienu. Ħafna minn dawn ma tistax tqishom bħala vittmi ta’ atroċitajiet.
In-natura tal-bniedem hi egoista u s-sistema soċjalista hi bbażata fuq il-kollettiv fejn kulħadd jagħti sehmu u kulħadd jieħu kemm għandu bżonn. Mhux li taħtaf għad-dannu ta’ sieħbek. Mhiex kompetittiva bħalma hija fil-Punent.
Imma anke l-poplu Russu warrab il-Komuniżmu. Allura x’sar ħażin?
Mhux warrab eżattament. Għax partiti Komunisti għad hemm fir-Russja. U huma b’saħħithom anke jekk m’humiex il-‘leading force’. Li ġara kien li ma kellhomx tlellix fis-soċjetà tagħhom u meta bdew jaraw it-tlellix tal-Punent ħasbu li se jkunu l-istess mentri llum spiċċaw agħar.
Il-fatt li ħafna pajjiżi warrbu l-Komuniżmu ġej mill-fatt li minnu nnifsu ma jattirax lin-nies jew għax dak li għamlu l-mexxejja tal-passat biegħdu lin-nies mill-Komuniżmu?
Aktar naraha minħabba l-propaganda. Ħafna drabi l-Unjoni Sovjetika kienet tagħmel propaganda ‘heavy handed’ li ma tantx jinżel man-nies speċjalment meta tqabbilha mal-propaganda “attraenti” bħalma jaf jagħmel il-Punent. Żbalji jsiru. Imma jekk sar żball ma tfissirx li kien hemm tmexxija ħażina.
Imma ejja nitkellmu fuq il-Komuniżmu llum u jekk għadux relevanti. Jekk tieħu l-Greċja għandhom partit qawwi li qiegħed wara l-istrajks li qegħdin isiru fil-pajjiż. Fil-Portugal huwa t-tielet forza fil-pajjiż barra li kemm f’dawn il-pajjiżi kif ukoll fi Spanja u l-Ġermanja għandhom membri mhux biss fil-Parlament tal-pajjiż imma anke f’dak Ewropew fejn jifformaw parti mix-Xellugin li huma t-tielet l-akbar grupp wara d-Demokrastijani u s-Soċjal-Demokratiċi.
Għandek ukoll l-Italja fejn ir-Rifondazione reġgħet qiegħda tissaħħaħ barra li qegħdin jerġgħu jingħaqdu gruppi Komunisti li kienu nfirdu wara d-disfatta li ħadu fl-aħħar elezzjoni ġenerali meta tela’ Berlusconi.
Donnu li n-nies tirrikorri lejn il-partiti xellugin jew Komunisti fi żmien meta jkun hemm problemi fil-pajjiż imma mbagħad f’elezzjoni ma jafdawhomx bit-tmexxija tal-pajjiż. Taqbel?
Insomma, f’Ċipru l-Partit Komunista qiegħed fil-gvern. U fl-Afrika t’Isfel jifforma parti mill-gvern ta’ koalizzjoni. Trid tqis ukoll li f’ħafna pajjiżi tal-eks-Unjoni Sovjetika hemm tendenzi fil-Lemin li qegħdin jipprovaw jagħmluha illegali li jkun hemm partit Komunista fil-pajjiż.
Biex induru fuq l-ideoloġija Komunista. X’inhi?
Ideoloġija Komunista essaġġ ma teżistix. Huwa l-mod tiegħek kif tħares lejn il-ħajja li tagħmlek Komunista jew le. U dan il-mod inbidel wara l-Ewwel Gwerra Dinjija meta s-Soċjal Demokratiku nqasam u l-Franċiżi u l-Ġermaniżi marru favur il-gwerra meta fis-Socialist Internationals kien hemm riżoluzzjoni kontra li gvernijiet Soċjalisti jipparteċipaw fi gwerra imperjalista. Għax il-vera raġuni għall-Ewwel Gwerra Dinjija kienet għax il-Ġermanja ma kelliex kolonji daqs kemm kellhom Franza u l-Ingilterra.
F’Malta hawn min jgħidlek li hemm differenza bejn is-soċjalisti u l-komunisti. Mentri l-ideoloġija hija bejn wieħed u ieħor l-istess. Il-metodu huwa differenti għax is-Soċjal Demokratiċi ċaħdu r-rivoluzzjoni u aħna qatt ma ċħadniha. Ir-rivoluzzjoni mhux aħna nagħmluha imma l-poplu jagħmilha.
Hu jasal għaliha… lanqas aħna ma nwassluh.
Aħna rridu nkunu hemm biex meta l-poplu jagħmel rivoluzzjoni ngħinuh u mmexxuh. Dak ir-rwol tagħna.
Skont il-Komuniżmu kif għandu jitmexxa pajjiż?
Żgur mhux billi bniedem jisfrutta lill-ieħor. Is-sistema kapitalista hija bbażata fuq l-isfruttament. Min inħaddem lilek u nagħtik paga imma fl-istess ħin qiegħed nagħmel qliegħ minn fuqek.
Għax meta tagħmel il-kalkoli ssib li meta ħaddiem jagħmel erba’ sigħat xogħol ikun għamel tajjeb għall-paga tiegħu u l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-erba’ siegħat l-oħra huma qliegħ għal min iħaddmu.
Hija sfruttament tal-ħaddiema kif qal Marx bit-teorija tas-‘surplus value’.
U kif taħseb li għandha tiġi rranġata s-sitwazzjoni?
Il-flus għandhom jerġg ħu jmorru għand il-ħaddiema. Kulħadd jaħdem għal għan wieħed u l-qliegħ jinqasam. Erħilha li ħafna nies fl-Unjoni Sovjetika ma kinux jagħtu xogħlhom u din kienet waħda mir-raġuni jiet għall-kollass.
Imma taqbel li l-Gvern jikkontrolla kollox?
Fil-Komuniżmu l-poter sup post jibda minn isfel u jitla’ ’l fuq mhux bil-maqlub. Meta persuna tinħatar deputat parlamentari trid tirrifletti dak li jkunu dde ċidew in-nies ta’ taħ tha.
Kollox ibbażat fuq kumitati u dawn jiddiskutu bejn iethom x’hemm bżonn f’qasam jew ieħor. Bejniet hom jaħtru persuna li tmur titkellem f’kumitat għola bħall-parlament. U hemm hekk iridu jgħidu x’ikunu jridu n-nies. Jekk le jew twarrab jew l-Istat ikollu dritt ineħħiha mill-kariga.
Fil-prattika kemm tista’ tmexxi b’dan il-mod? Gvern kemm jista’ joqgħod jirrikorri għall-poplu kull darba li jrid jieħu deċiżjoni?
Skont fuqhiex. Eżempju, fuq l-affarijiet esterni ma tis tax toqgħod tmur tikkonsulta n-nies jekk pajjiż ieħor jattakkak. Imma f’affarijiet ta’ kuljum li jolqtu lill-poplu għandu jkun il-poplu li jieħu d-deċiżjoni.
Ħafna jħarsu lejn pajjiżi Komunisti bħala pajjiżi oppressivi anke għall-fatt li, eżempju, ikun hemm partit wieħed biss. Xi twieġeb?
F’pajjiż Komunista jew Soċjalista suppost hemm soċjetà ugwali u m’hemmx klassijiet. Issa l-partiti jir rappreżentaw interessi tal-klassijiet. Ma jfissirx li ma jkunx hemm ideat differenti fl-istess partit imma la l-partiti jirrappreżentaw il-klassijiet m’hemmx lok għal aktar minn wieħed jekk is-soċjetà hija ugwali.
X’futur tara għall-kapitaliżmu u l-kommuniżmu?
Nemmen li dak li ġara fil-qasam ekonomiku internazzjonali ħalla impatt fuq il-kapitaliżmu u eventwalment irid jinbidel għax jekk jibqa’ sejjer kif sejjer waslet id-daqqa tiegħu. Għall-Komuniżmu nara futur għalkemm ħadd ma jista’ jbassar il-futur eżatt x’se jkun. Wara kollox biex joħorġu mill-kriżi diversi pajjiżi miżuri soċjalisti ħadu. Imma fuq kollox kif għidtlek… il-Komuniżmu qatt ma miet… kienet il-propoganda tal-kapitaliżmu li pinġietu hekk.
ttra: “Il-Qawmien mill-ġdid tal-Komunisti”.
ReplyDeleteL-Ewwel ħaġa rrid nirringrazzja lis-Sur Geatano Micallef ta’ l-intervista li għoġbu jagħmilli u li xxandret fil-publikazzjoni ta’ l-Orizzont ta’ nhar it-Tnejn 12 ta’ Lulju taħt it-titolu “Il-Qawmien mill-ġdid tal-Komunisti”. Nixtieq nagħti prosit lis-Sur Geatano Micallef għall-mod professjonali ta’ kif wassal din l-intervista .
Ħafna minn dak l-intqal matul din l-intervista jagħti l-impressjoni żbaljata dwar kif iħares lejn ix-xenarju politiku l-Partit Komunista Malti llum. Dan ma huwa tort ta ħadd, forsi għaliex il-mistoqsijiet kienu aktar ta’ natura storika, fejn jien kelli nirrispondi għall-mistoqsijiet relatati mall-passat ta’ żmien il-gwerra bierda, u anki qabel.
Il-Partit Komunista Malti jixtieq jiċċara xi punti mall-qarrejja ta’ dan il-ġurnal. L-Ewwel net il-Partit Komunista Malti mhuwiex partit Stalinista, u qatt ma kien. Il-Partit Komunista Malti twaqqaf fl-1969 meta l-era Stalinista kienet ila ferm li spiċċat.
Il-Partit Komunista Malti jemmen li għandu jimmilita f’ambitu ta’ soċjeta plurali. Xhieda ta’ dan hi li l-Partit kien ikkontesta l-elezzjoni Ġenerali ta’ l-1987.
Preżentament il-Partit Komunista Malti qed jaħdem fi sfera nternazzjonali ma’ Partiti Komunisti u Xellugin favur Ewropa Soċjali. Dan qed jagħmlu billi jipparteċipa f’diversi fora u b’kuntatti diretti ma’ diversi Partiti Komunisti u Xellugin rappreżentati fil-Parlament Ewropej. Fosthom Die Linke (The Left) fil-Ġermanja, the Portugal Left Block, l-AKEL li huwa l-partit fil-Gvern ġewwa Ċipru, ma’ KKE it-tielet l-ikbar Partit fil-Greċja u oħrajn.
Lokalment qed naħdmu ma organizzazzjonijiet oħra xellugin. Xhieda ta’ dan hi l-Gazetta Żminijietna li fil-passat kienet l-organu tal-Partit Komunista. Din illum hija amministrata minn kumitat indipendenti ta’ nies b’idejal xellugi li ġejjin minn kull sfera tas-soċjeta, kif ukoll mill-Partit Laburista, l-Alternattiva Demokratika, Trejdjujins. Sintendi l-PKM huwa wkoll rapprezentant f’dan il-kumitat .
Il-Partit Komunista Malti iħares ukoll b’mod miftuħ lejn l-avvenimenti progressivi u soċjali li qegħdin jseħħu fl-Amerika Latina, fejn diversi pajjiżi fosthom il-Veneżwela, l-Urugwaj, il-Bolivja, l-Ekwador u oħrajn inspirati mir-Rivoluzzjoni Kubana qegħdin jeleġġu gvernijiet xellugin fejn anki l-Partiti Komunisti qed ikunu nvoluti f’dan il-proċess u qegħdin isiru rebhiet kbar kontra l-oligarkiji li fil-passat kienu jaħkmu b’dittatorjati Faxxisti appoġġjati mill-Istati Uniti.
Il-Partit Komunista Malti ser jkompli jaħdem fi sfera Ewropeja fl-interess tal-klassi tal-ħaddiema, il-konsumatur, il-pensjonanti u nies oħra emarġinati. Li hu zgur, il-Partit Komunista Malti mhux ser jappoġġja l-politika neo liberali mħaddma mill-Partiti tal-lemin u ser jkompli jaħdem favur sistema ekonomika soċjali u ġusta.
Nirringrazzjak ta’ l-ispazju li għoġbok tagħtini sabiex nagħmel din il-kjarifikazzjoni.